Kuntrattur akkużat li darab gravi lil sieħbu fl-Università Amerikana

Kuntrattur mill-Ġordan li kien qed jaħdem fuq il-proġett tal-Università Amerikana f’Malta ġie akkużat li attakka u weġġa’ gravi lis-sieħeb kummerċjali tiegħu f’Bormla.

Jidher li l-argument bejn Abdel Karim Ahmad ta’ 42 sena mill-Ġordan u li jgħix Ħ’Attard, u Bessam Abdulhamid, kien dwar xi kummissjonijiet li kellu jingħata dan tal-aħħar f’Novembru tas-sena l-oħra.

Fil-Qorti, il-Pulizija spjegat kif kien diffiċli biex l-akkużat jinqabad minħabba li kien qed jgħix f’indirizz differenti minn dak ta’ Ħaż-Żabbar li kellu mniżżel fuq il-karta tal-identità tiegħu. Il-Pulizija lanqas ma rnexxielha tarrestah minn fuq il-post tax-xogħol tiegħu fl-Imqabba. Iktar tard, irċeviet informazzjoni li l-Ġordanjan qed jgħix f’Ħ’Attard u li kien magħruf b’isem ieħor.

Dwar l-allegata ġlieda bejniethom, il-Pulizija qalet li sabet lil raġel imdemmi mal-art fost ħafna kommozzjoni fl-Università Amerikana. L-akkużat sostna li kien huwa l-vittma u qal li r-raġel l-ieħor kellu arma fuqu. Akkuża lir-raġel l-ieħor Abdulhamid li ħafna drabi kien iġorr pistola fil-ġlekk tiegħu u li kien spiss joħroġha.

Meta mistoqsi għaliex ma biddilx l-indirizz tal-karta tal-identità tiegħu, Abdel qal li l-villa tiegħu f’Ħ’Attard għadha mhijiex lesta, u li daqt kien se jerġa’ jiċċaqlaq.

Abdel sostna li mhuwiex ħati u ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €3,000, garanzija personali ta’ €7,000 u biex jibda jiffirma fl-għassa. Huwa ġie ordnat ma jersaqx jew jagħmel kuntatt max-xhieda sakemm jinqata’ l-każ.