Kuntratti ta’ ħaddiema fl-Awtorità tal-Logħob “kunfidenzjali”

Id-dettalji dwar kuntratti ta’ ħaddiema tal-Awtorità tal-Lotteriji u l-Logħob, inkluż dwar il-paga u l-perkaċċi taċ-Chairman tal-Awtorità, huma meqjusa mill-Gvern bħala “kunfidenzjali” u għalhekk ma jista’ jkun magħruf ebda dettall.
Il-Ministru Chris Cardona, fi tweġiba għal Mistoqsijiet Parlamentari tad-deputat Jason Azzopardi u mistoqsijiet supplimentari tad-deputat Ċensu Galea, biex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kundizzjonijiet tal-pakketti finanzjarji ta’ uffiċċjali tal-Awtorità u biex jgħid jekk hux veru li ċ-Chairman għandu paga ta’ €80,000 u karozza mikrija bi spiża ta’ €900 fix-xahar, il-Ministru qal biss li min ikun se jokkupa l-kariga u li għaliha jiffirma kuntratt, jinsisti biex tiddaħħal il-klawsola tal-kunfidenzjalità u għalhekk id-dettalji tal-kuntratt ma jistgħux isiru pubbliċi.
Ċensu Galea fakkar kif fi żmien meta hu kien Ministru, dettalji bħal dawn kienu tant pubbliċi li kienu jispiċċaw fl-ewwel paġni tal-gazzetti, iżda għal din ir-rimarka l-Ministru qal biss li ma kellu xejn xi jżid mat-tweġiba diġà mogħtija.