Kuntistabbli Schembri: Jiżdiedu d-donaturi tad-demm

Donaturi tad-demm pulizija

Il-każ li ħalla lill-kuntistabbli Simon Schembri jissielet għall-ħajtu għal xi jiem, wassal biex mad-90 persuna resqu għall-ewwel darba biex jagħtu d-demm.
Dan huwa turija tas-solidarjetà mill-pubbliku mal-Korp tal-Pulizija kif ukoll mal-kuntistabbli nnifsu.
Kien fil-15 ta’ Mejju li għadda li Schembri ttajjar u ġie mkaxkar għal diversi metri minn żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil. 
Tony Micallef, infermier u uffiċjal responsabbli mir-Relazzjonijiet Pubbliċi għas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qal ma’ Newsbook.com.mt, li fil-ħamest ijiem ta’ wara l-inċident, għadd ġmielu ta’ nies marru biex jagħtu d-demm. Fosthom semma 90 donatur ġdid, li resqu biex jagħtu d-demm għall-ewwel darba.
Intant, is-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm qed jisħaq dwar l-importanza ta’ riserva tajba tad-demm biex tkopri l-ħtieġa immedjata minn inċidenti li jseħħu bla mistenni.
Bil-ħsieb tal-bżonn tad-demm minn qabel iseħħ inċident u bil-bżonn kbira għad-donazzjonijiet tad-demm, is-Servizz jappella lill-pubbliku biex jekk is-saħħa tippermetti jirrikorri bla tnikkir biex jagħti.
L-għoti tad-demm jista’ jsir kuljum fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa bejn it-8am u s-6pm.
Nhar il-Ħadd li ġej, bejn it-8.30am u s-1pm, il-Mobile Blood Donation Unit se jkun maġenb l-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa.
Il-Ħadd ukoll il-Berġa tax-Xewkija se tkun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8am sas-1pm.