Kunsilliera Nazzjonalisti qed isibu xkiel f’dawk immexxija mill-PL – PN

PN

Il-PN qal li l-Kunsilliera Nazzjonalisti qed isibu xkiel f’ċertu kunsilli lokali mmexxija mill-Partit Laburista.

Fi stqarrija l-PN qal li l-Kap tal-partit Adrian Delia mexxa laqgħa ma’ diversi Minority Leaders f’kunsilli fejn il-PN qiegħed f’minoranza. S’issa kien hemm sensiela ta’ dawn il-laqgħat.

Il-PN qal li matul din il-laqgħa, numru ta’ minority leaders tkellmu dwar il-ħidma li jwettqu huma u sħabhom il-Kunsillieri lokali tal-istess partit fil-lokalitajiet rispettivi u r-riżultat li din il-ħidma tħalli fuq ir-residenti li eleġġewhom.

Intqal li esprimew frustrazzjoni wkoll li f’ċertu Kunsill Lokali mmexxija mill-Partit Laburista, jsibu element ta’ tfixkil u nuqqas ta’ koperazzjoni fil-ħidma tagħhom. Qalu wkoll li l-fatt li matul dawn l-aħħar snin il-Gvern qed jipprova l-ħin kollu jnaqqas mis-saħħa tal-Kunsilli qed jissarraf f’frustrazzjoni għall-kunsillieri kolha Maltin u Għawdxin, peress li l-Kunsilli ma jkunux jaqdu l-funzjonijiet tagħhom kif suppost.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-kunsillieri kollha għall-isforzi li għamlu sabiex mill-paroli għaddew għall-fatti.