Kunsilli lokali se jmexxu l-bereġ fil-futur

Ġie ffirmat ftehim bejn id-Dipartiment tal-Kura Primarja u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li se jwassal biex il-bereġ li minnhom jingħataw is-servizzi tas-saħħa jgħaddu taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa u s-Segretarjat għall-Gvern Lokali qalu li l-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura Primarja Roseanne Camilleri u mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis.

“Id-Dipartiment tal-Kura Primarja se jkun responsabbli għall-provdiment tal-apparat mediku kollu tal-bereġ flimkien mal-għamajjar anċillari għas-servizz u li jipprovdi r-riżors uman għalihom biex ikunu sostnuti s-servizzi offruti, filwaqt li l-kunsilli lokali jkunu responsabbli li jassiguraw it-tmexxija fiżika, manutenzjoni u tindif tal-postijiet flimkien mal-finanzjament għalihom”, qal Chris Fearne.

Fearne qal li l-gvern jemmen bis-sħiħ fis-servizzi tas-saħħa fil-komunità. Skont il-Gvern, in-numru ta’ bereġ f’Malta u Għawdex jammonta għal 54 u kull sena huwa stmat li jagħmlu użu minnhom madwar 210,000 pazjent.