Kunsilli Lokali Renju Unit: Riżultat ‘li jirrifletti l-hung parliament ta’ Ġunju’

Hekk kif qed jiġu ffinalizzati r-riżultati tal-elezzjoni għall-kunsilli lokali fir-Renju Unit, ir-riżultati qed jissuġġerixxu li kemm il-Konservattivi ta’ Theresa May kif ukoll il-Labour ta’ Jeremy Corbyn mhux se jċaqilqu b’wisq il-'parlament imdendel’, jew hung parliament riżultat tal-elezzjoni f’Ġunju li għadda.
It-terminu hung parliament ifisser sitwazzjoni meta l-partit li jġib l-aktar voti xorta ma jirnexxilux jilħaq il-kwota ta’ 326 siġġu biex ikun hemm maġġoranza assoluta fil-Parlament Brittaniku.
Għal-Labour kien hemm telfiet fil-Midlands, u kellu riżultati anqas milli kien mistenni f’Londra. Minkejja dan kellu rebħa mhux mistennija fi Plymouth.
Sadanittant Corbyn qal lis-sostenituri tiegħu li r-riżultati jfissru li l-Labour lest għal elezzjoni ġenerali, tiġi meta tiġi.
Qal li jħossu xi ftit iddiżappuntat għal xi riżultati sa issa, iżda jekk wieħed iqis l-istampa kollha l-Labour rebaħ siġġijiet fl-inħawi kollha madwar ir-Renju Unit.

Min-naħa tagħhom il-Konservattivi rebħu l-kunsilli ta’ Basildon u Peterborough, filwaqt li tilfu Trafford u Mole Valley.
Il-Ġimgħa filgħaxija kien għad fadal l-aħħar kunsill biex jiġi ddikjarat, dak ta’ Tower Hamlets, li ntrebaħ mil-Labour.
Il-Labour baqa’ bl-74 kunsill li kellu qabel, filwaqt li l-Konservattivi għandhom 46, jiġifieri naqsu tnejn. Iż-żewġ partiti kisbu 2,350 u 1,332 siġġu, rispettivament.
Mill-bqija, id-Demokratiċi Liberali ħadu 9 kunsilli, jiġifieri żiedu 4, b’536 siġġu. Il-Ħodor żiedu 8 siġġijiet għal 39, filwaqt li l-UKIP kienu l-akbar telliefa tal-ġurnata, li spiċċa bi 3 siġġijiet għax tilfu 57. Il-partit tal-lemin estrem BNP għosfru mill-parlament.

B’kollox kien hemm 150 kunsill lokali fejn saret il-votazzjoni.