Il-Kunsill Lokali Floriana se jirreżisti t-tneħħija tal-iskema tal-parkeġġi

Il-Kunsill Lokali tal-Floriana se jkun qed jirreżisti kull tentattiv li jista’ jsir biex titneħħa jew tiġi sospiża l-iSkema ta’ Parkeġġ Residenzjali f’din l-istess lokalità.

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali sejjaħ dawn it-tentattivi biex jitneħħew skemi bħal dawn bħala popolisti. L-istess Kunsill fakkar kif l-iSkema ta’ Parkeġġ Residenzjali fil-Floriana ġiet introdotta wara snin ta` taħbit u laqgħat immexxija minn Transport Malta li fihom kienu involuti anke unions  tal-ħaddiema u tal-kummerċjanti.

L-istqarrija tgħid li l-Kunsill tal-Floriana ma kellux f’moħħu biss li jinħoloq bilanċ fil-ħtiġijiet tal-parkeġġ bejn ir-residenti Furjanizi u dawk li jżuru il-Floriana, iżda anki biex min iżur il-Floriana jiġi inkoraġġat biex juża trasport alternattiv. Permezz tal-użu ta’ trasport alternattiv, fosthom permezz tat-trasport pubbliku, tkun qed tonqos ukoll it-theddida fuq saħħet ir-residenti. Dan minħabba l-fatt li fil-Floriana, ta’ kuljum, ikun hemm influss kbir ta’ vetturi.

Finalment l-istqarrija tgħid li l-Kunsill lest biex jiddiskuti modifiki fl-iskema tal-Parkeġġ Residenzjali.

Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru tat-trasport, Joe Mizzi qal li l-iskemi tal-parkeġġi jistgħu jitneħħew. Il-Ministru ħabbar li se jagħti ordni biex jitneħħew il-parkeġġi f’numru ta’ lokalitajiet fosthom fil-Belt Valletta. B’reazzjoni għal dan, il-Kunsill Lokali tal-Belt qed isostni li din id-deċiżjoni hija waħda kunfliġġenti mad-diskussjonijiet li saru kemm mal-Ministru kif ukoll ma’ Transport Malta relatati mat-trasport u l-parkeġġ fil-Belt Valletta.

L-istess Kunsill qed isostni li f’dawn il-laqgħat kien hemm qbil u assigurazzjoni għal konsultazzjonijiet meħtiega, biex s-sitwazzjoni tmur għall-aħjar.