Aġġornata (5): Il-Prim Ministru jakkuża lill-PN bi frodi; Il-PN jiċħad u jippubblika d-dokumenti

Il-Partit Nazzjonalista ppubblika dokumenti biex jirribatti l-allegazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li waqt attività politika dalgħodu fin-Nadur, qal li l-PN qed jieħu fondi mill-Parlament Ewropew, li minflok intużaw biex l-Ewroparlamentari jkollhom uffiċini madwar il-pajjiż, qed jeħodhom il-PN għax l-uffiċini tagħhom jinsabu fid-Dar Ċentrali.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-fondi allokati lill-MEPs tal-PN huma ddikjarati, awditjati u ppubblikati. Ippubblika Certification Statements li saħaq li huma prova li l-MEPs tal-PN m’għandhomx x’jaħbu.
Sostna li minflok jivvinta u jigdeb dwar ħaddieħor, il-Prim Ministru għandu jitlaq issa. 
"Nippubblikaw ir-rapporti tal-awdituri kull sena" – MEPs tal-PN
L-MEPs Nazzjonalisti ħarġu wkoll jikkritikaw dik li sejħu gidba ta' Joseph Muscat, li fil-kiri tal-uffiċini tagħhom hemm xi frodi jew abbuż. Żiedu jgħidu li tant m'għandhomx x'jaħbu li r-rapporti tal-awdituri jsiru u jiġu ppubblikati kull sena. Spjegaw li l-kiri tal-uffiċini tal-MEPs isir bl-aktar mod regolari, skont il-liġi u b'rati kummerċjali.
Il-Partit Nazzjonalista sfida lill-Prim Ministru jispjega kif u għaliex, meta kien MEP, qatt ma ppubblika audit tal-ammonti li kien jirċievi, u kif kellu biss impjegat wieħed meta kellu baġit ta' €20,000 fix-xahar. 
"Simon Busuttil għandu jitlob inkjesta" – PL
Il-Partit Laburista qal li d-dokumenti ppubblikati ma jiċħdu xejn minn dik li qed isejjaħ it-tielet skema ta' frodi għall-finanzjament tal-PN. Żied jgħid li jqumu aktar mistoqsijiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet waranofsinhar, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg u l-Kap Eekuttiv tal-PL Gino Cauchi qalu li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu m’aċċettax l-isfida biex jieħu dan il-każ quddiem l-OLAF.
Qalu li b’din l-iskema, u dik taċ-ċedoli u tal-pagi tad-DB, hemm riċetta perfetta ta’ illegalitajiet. Tallbu lil Simon Busuttil biex jitlob inkjesta jekk irid ikun onest.

“Fondi mill-UE għall-PN” – PM

Dalgħodu, Joseph Muscat qal li l-€4,000 fix-xahar li jingħataw lill-MEPs għal uffiċini madwar il-pajjiż, qed imorru għand il-PN, għax l-MEPs fetħu uffiċini fid-Dar Ċentrali tal-PN.
Il-Prim Ministru sostna li dan imur kontra r-regola tal-Parlament Ewropew u sfida lil Simon Busuttil, biex jekk m’għandu xejn x’jaħbi jmur bil-każ fl-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew u fl-Uffiċċju tal-UE kontra l-Frodi.
"Kunfidenti li l-poplu jagħmel l-aħjar għażla meta jkun il-waqt"
Sadanittant, il-Mexxej Laburista saħaq li jinsab kunfidenti, li meta jasal il-mument, il-poplu se jagħżel li ma jiqafx nofs triq, imma jkompli miexi ‘l quddiem.
Waqt attività politika fin-Nadur, minkejja li ma tax indikazzjoni dwar meta se jsejjaħ elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru tkellem ħafna dwar l-għażla li għandu quddiemu l-poplu Malti u Għawdxi.
Sostna li jekk il-ħidma tal-Gvern titwaqqaf nofs triq, se jintilfu l-kisbiet ekonomiċi, l-istabbiltà u l-kredibilità.
Joseph Muscat insista li l-għażla għandha tkun fuq ix-xogħol u fuq l-ekonomija, fuq il-flus fil-but tal-familji, fuq l-għajxien u l-kwalità tal-ħajja ta’ kull familja.
Stqarr li hu pożittiv, ottimist u kalm. Tenna li hu sod u kapaċi jaqla’ d-daqqiet.
Appella wkoll lill-partitarji biex f’kull ċirkostanza jżommu l-kalma biex fil-pajjiż ikun hawn l-għaqda.
“Fiduċja tal-poplu minkejja l-akkużi kollha”
Filwaqt li xejjen l-allegazzjonijiet li saru fl-aħħar ġimgħa u nofs fil-konfront tiegħu, ta’ martu u tal-Gvern, Joseph Muscat stqarr li meta ħaddieħor ħsiebu fl-invenzjonijiet, il-Gvern se jkompli jaħdem.
Saħaq li f’dik li kienet l-iktar ġimgħa li fiha l-Gvern ġie attakkat b’dak li sejjaħ gideb bla skrupli, illum għandu konferma li l-Moviment Laburista u l-Gvern se jibqgħu l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin.
Joseph Muscat esprima s-sodisfazzjon li ħass għall-fiduċja tal-poplu, minkejja l-affarijiet kollha li twaddbu fil-konfront tiegħu. Madanakollu stqarr li bil-lejl jorqod b’rasu mistrieħa.
Sostna li l-Gvern se jibqa’ jaħdem b’umiltà u jammetti l-iżbalji, kemm żgħar kif ukoll kbar. Żied jgħid li l-Partit Laburista dejjem jibqa’ l-underdog imma wiegħed li se jibqa’ jaħdem ma’ kulħadd.
Irrefera għall-whistleblower, l-eksimpjegata tal-Bank Pilatus, u qal li hi akkużata b’fabrikazzjoni tal-provi, frodi u rapporti foloz.  Żied jgħid li meta l-Kap tal-Oppożizzjoni wera li emminha, wera wkoll kemm il-karattru politiku tiegħu huwa dgħajjef.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar il-ftehim taż-żieda fil-paga minima, u stqarr li kull ħaddiem se jieħu żieda, li ddeskriva “żgħira imma importanti”.  Semma wkoll xogħol fuq il-mina bejn Malta u Għawdex kif ukoll li ħareġ it-tender għal servizz ta’ fast ferry bejn Għawdex u l-Belt Valletta.