Kunfidenti li l-fetu b’diżabbiltà protett f’Malta; iħeġġeġ diskussjoni sana dwar l-abort

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, Oliver Scicluna, qal li jħossu kunfidenti ħafna li l-fetu b’diżabbiltà huwa protett biżżejjed bil-Liġi Maltija u għandu d-dritt kollu għall-ħajja, filwaqt li rrimarka li jkun ħażin li ma niddiskutux l-abort jew nitfgħuh taħt it-tapit.
Scicluna kien qed jintervjeni waqt il-programm Follow-Up fuq RTK, ippreżentat minn Sylvana Debono, meta wieħed mis-suġġetti kien fergħa mid-diskussjoni li għaddejja bħalissa f’Malta dwar l-abort u l-protezzjoni tal-fetu fil-liġi, speċifikament fl-Att dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru jew dik Domestika.
Filwaqt li tenna li d-diskussjoni dwar l-abort m’għandniex naħbuha, il-Kummissarju semma l-position paper li ħarġet il-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabbiltà fl-aħħar jiem dwar l-abort u l-feti b’diżabbiltà, li fiha ssemma primarjament l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs.
Scicluna qal li fl-2016 il-Gvern kien emenda dan l-Att, meta ddaħħal Artiklu 10, li jiddeskrivi bħala “importanti ħafna”.
Dan l-artiklu jitkellem fuq id-dritt li tiġi rrispettata l-ħajja ta’ persuna b’diżabbiltà, qabel u wara t-twelid. Dan ifisser li l-Kummissjoni tħares dejjem u kullimkien il-fetu b’diżabbiltà.
Imbagħad żied jgħid li aktar wara żdied Artiklu 37 fl-istess liġi, li jitlob li l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs jaqbeż kull liġi oħra li tista’ tipperikola jew tkun fil-konfront tal-istess att.
Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li f’Malta allura jista’ jkun li l-fetu mhux b’diżabbiltà għandu theddida akbar mill-fetu b’diżabbiltà, Oliver Scicluna ma xtaqx jikkummenta