“Kunfidenti li Cutajar se jgħin persuni b’diżabbiltà” – GAVI

David Cilia

Read in English.

L-Għaqda Għawdxija, Gozo Aid for the Visually Impaired (GAVI) sostniet fi stqarrija li tinsab kunfidenti li Kevin Cutajar, li t-tnejn li għadda ħa l-ġurnament bħala Membru Parlamentari ġdid se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ħajja ta’ persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom.

Dan qalitu fi stqarrija fejn awgurat ukoll lil Cutajar l-akbar xewqat fl-irwol il-ġdid tiegħu. Qalet li ma għandha l-ebda dubju li Cutajar se jerfa’ r-responsabbiltajiet li se jiġu fdati lilu u jaħdem bl-aħjar modi possibbli sabiex jirrappreżenta lill-komunità Għawdxija.

Aqra: “Lest li nservi fejn Delia jaħseb l-aħjar” – Kevin Cutajar

Cutajar huwa wieħed mit-tliet membri li bdew l-organizzazzjoni GAVI lura fl-2001 sabiex flimkien jippruvaw joħolqu kwalità ta’ ħajja aħjar għal persuni neqsin mid-dawl li jgħixu f’Għawdex. Bħalissa Cutajar jokkupa l-pożizzjoni ta’ teżorier tal-organizzazzjoni. Hu wkoll jirrapreżenta l-għaqda fi ħdan il-Malta Guide Dogs Foundation u l-Federazzjoni Għawdxija għal Persuni b’Diżabbiltà.

Aqra: Kevin Cutajar jieħu l-ġurament bħala MP; “Emozzjonat”

Fl-ewwel intervent tiegħu fil-Parlament, Dr Cutajar qal li huwa unur u privileġġ li se jkun qed jagħmel parti mill-Kamra tar-Rappreżentanti u li jirrapreżenta lil Għawdex. Intant f’intervista fuq RTK 103FM, Kevin Cutajar sostna li lest li jservi fil-qasam li fih jaħseb li għandu jservi l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Aqra: Kevin Cutajar approvat b’akklamazzjoni