“Kundizzjonijiet aħjar” lis-suldati li ma rrispondewx għas-sejħa ta’ 96 immigrant – Camilleri

Aġġornat 02:24 PM
Twitter

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-passi li ħa fil-konfront tas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li ma rrispondewx għas-sejħa ta’ għajnuna ta’ 96 immigrant abbord il-bastiment ta’ Open Arms fit-2 ta’ Jannar, kien li jagħtihom kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar.

F’risposta fuq mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis, Camilleri stqarr li d-Deputat tal-PN kien qed jagħmel asserzjonijiet żbaljati fid-domanda tiegħu.

“Nittama li mhux tgħaddilu minn rasu li jerġa’ jagħmel xi kwerela kriminali oħra kontra l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta,” kiteb il-Ministru.

Hu qa li għal darb’oħra deputat f’isem l-Oppożizzjoni, qed jitlob li jittieħdu passi “kontra s-suldati tagħna.”

Dr Ellis staqsa x’passi ħa l-Ministru sabiex jinvestiga kif fit-2 ta’ Jannar tal-2021 ħadd mill-Forzi Armati ta’ Malta ma rrisponda għas-sejħa ta’ għajnuna sabiex jiġu salvati 96 immigrant illegali illi kienu f’periklu fiż-żona ta’ tfittix u salvataġġ Maltija.

Dawn l-immigranti, li ħarbu mil-Libja, kellhom jiddaħħlu fil-port ta’ Empedocle fi Sqallija wara li Malta rrifjutat li ddaħħalhom. In-nazzjonalità tagħhom hija Eritreana, Sudaniża, Eġizzjana u Sirjana.

“L-Oppożizzjoni qed terġa’ tippretendi li jittieħdu l-passi kontra s-suldati” – PL

Il-Partit Laburista qal li bil-mistoqsija ta’ Ellis, jidher li fil-Partit Nazzjonalista ma nbidel xejn għax l-Oppożizzjoni qed terġa’ tippretendi li jittieħdu passi kontra s-suldati. “Fuq kollox hu evidenti li iktar minn qabel qed tmexxi l-istess fazzjoni li lesta tattakka l-istituzzjonijiet u l-forzi dixxiplinati li tant jaħdmu għal pajjiżna.”

Il-pass li jmiss, saħaq il-PL, hu li r-rappreżentanti tal-Partit Laburista fil-Gvern jibqgħu spalla ma’ spalla mas-suldati quddiem dawn l-attakki tal-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex il-PL iqis ta’ għajb kif minflok skuża ruħu għal dak li kienu diġà għamlu “id-deputati favoriti tiegħu,” b’referenza għal Ellis u Jason Azzopardi li ffirmaw il-kwerela, Bernard Grech reġa’ approva l-mossa ta’ Ellis.