Kundanni mill-MUMN u l-MDA għall-konkos ħażin f’Mater Dei

Il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN, ikkundannat lil dawk responsabbli mill-kwalità inferjuri tal-konkos użat fl-Isptar Mater Dei u qalet li minħabba ftit persuni li xaħħmu buthom, fl-isptar qed jerġgħu jsiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li joħolqu inkonvenjent lil kulħadd.
Waqt li rringrazzjat lill-membri tagħha li qed jagħtu kwalità ta’ servizz minkejja li għaddejjin xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u rinfurzar fid-Dipartiment tal-Emerġenza u minkejja l-pressjoni ta’ pazjenti dejjem jiżdiedu, il-unjin qalet li anke l-ħaddiema ta’ Blokk D tal-isptar se jgħaddu mill-istess pressjoni.
Irreferiet għall-miljuni ta’ ewro li jridu jintużaw biex tissaħħaħ l-istruttura kollha ta’ Mater Dei u qalet li kien ikun aħjar kieku dawn marru għal edukazzjoni u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tal-isptar għall-ġid tal-pazjenti.
Fl-istess ħin, ħeġġet lill-Gvern biex jibqa’ għaddej bl-isforzi tiegħu biex dawn il-miljuni ta’ ewro jiġu rkuprati.
Anke l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi f’Malta, l-MDA, ikkundannat l-aġir ta’ kull min naqas mill-obbligi tiegħu waqt il-bini tal-isptar u rrimarkat li b’hekk sar abbuż minn flus mit-taxxi tal-poplu.
Appellat biex jittieħdu passi fil-konfront ta’ kull min seta’ kien responsabbli, mingħajr ma jitqiesu ebda riservi.