Kundannat theddid lill-Knisja fin-Nicaragua

Insara fn-nicaragua jieħdu sehem fi proċessjoni bisSantissimu Sagrament

L-Arċisqof Carlos Aviles, Vigarju Ġenerali tad-djoċesi ta’ Managua kkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni kontra l-insara mill-awtoritajiet tal-pajjiż. Membri tal-pulizija qed jieħdu n-numri tal-karrozzi tal-insara li jmorru ‘l quddies, mossa li l-Isqof iddiskriva bħala waħda redikola.

“Il-Knisja diġà għaddiet minn din l-esperjenza fis-snin 80. Iżda dan mhux se jwaqqafna mix-xogħol u l-missjoni tagħna li nevanġelizzaw u nkunu qrib in-nies. Minn April 2018 meta l-poplu pprotesta paċifikament kontra r-riforma tas-sigurtà soċjali u twaqqfu b’mod brutali mid-dittatura, il-Knisja Kattolika kienet fuq in-naħa tad-dgħajjef”, fakkar l-Isqof.

Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Mons. Aviles tpoġġew fuq video li ntbagħat lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES u mqassma lill-media soċjali. Fil-video l-Isqof ħabbar li l-Knisja għamlet ilment uffiċjali dwar dan it-theddid.

Il-video juri intervista li l-gazzetta “La Prensa” għamlet lill-Vigarju Ġenerali li ddeskriva s-sitwazzjoni fil-Knisja. “Għall-grazzja t’Alla, il-Knisja tirrifletti kif tgħix is-soċjetà, kif jgħix il-poplu. Ma għandna ebda poter, la militari u anqas politiku biex niffaċċjaw u niġġieldu kontra r-ripressjoni, imma qegħdin spalla ma’ spalla mal-poplu u nsostnu t-talba tal-poplu għall-ġustizzja”.

Mons. Avilles temm billi appella lill-pulizija biex iwaqqfu din il-persekuzzjoni tal-Knisja u l-membri tagħha: “Ma nistgħux ngħixu f’ambjent ta ripressjoni.  Irridu ngħixu fi spirtu nisrani, fil-paċi u l-armonija”.

Tensjoni kontinwa

Is-sitwazzjoni fin-Nicaragua hi taħt tensjoni kontinwa. It-tentattvi tal-Gvern li jipprova juri lill-media internazzjonali, stampa ta’ pajjiż fil-paċi u seren meta qed qed jippersegwita, jhedded u kultant anke joqtol lill-mexxejja soċjli, m’humx jservu għal xejn.

Min iħaddem mhux qed jappoġġja lill-Gvern u l-politika ekonomika tiegħu u dan qed ikollu konsegwenzi negattivi fuq is-swieq internazzjonali; l-istampa nazzjonali mhux qed titħalla jirrapporta dak li qed iseħħ kuljum fil-pajjiż; il-partiti tal-Oppożizzjoni, lejlet l-elezzjoni ma għandhomx għodda politika.

Madankollu, iż-żgħażagħ fid-diversi bliet, permezz tal-media soċjali qed juri li li jkun hemm pajjiż ħieles u magħqud hu possibbli jekk kulħadd jagħti sehmu għax il-poplu qed jagħti lezzjoni fl-għaqda.