Aġġornata: ‘Jekk jiskatta Artiklu 7 tibda investigazzjoni sew’ – Giegold

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Ġermaniż tal-Ħodor Sven Giegold qal li jekk tiskatta proċedura taħt Artiklu 7, li jissospendi d-drittijiet ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea (UE), tibda investigazzjoni kif suppost mill-awtoritajiet dwar Malta.

Giegold qal dan ma’ Newsbook.com.mt wara li l-Partit Nazzjonalista kkundanna l-kummenti tiegħu meta appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiskatta Artiklu 7 kontra Malta.

Gieogld qal li huwa diżppuntanti li l-PN ma jarax l-opportunitajiet li ġġib magħha l-ftuħ ta’ proċedura taħt Ariklu 7. Qal li kieku tiskatta l-proċedura tibda investigazzjoni kif suppost, investigazzjoni li skont Giegold il-Viċi-President Timmermans kien qed jimblokka.

Fi stqarrija, il-PN qal li Malta m’għandhiex teħel għan-nuqqasijiet tal-Gvern fejn jidħol ir-rispett lejn il-liġi. Il-PN qal li “bl-aktar mod kategoriku” ma jaqbilx li għandu jiskatta dan l-artiklu tat-trattat tal-UE. Giegold huwa MEP Ġermaniż li huwa parti mill-grupp tal-Ħodor.

F’reazzjoni għal dak li qal il-PN, il-Partit Laburista qal li l-PN ma jistax ikun kredibbli meta jitkellem dwar Giegold u t-talba tiegħu. Skont il-PL, għal ħames snin sħaħ l-MEPs tal-PN “rewħu kemm felħu” biex nies bħal Giegold jimminaw l-interess ta’ Malta speċjalment fis-settur finanzjarju.

Aħjar kieku Giegold jaħdem fid-direzzjoni tal-PN – PN

“Ikun aħjar jekk l-MEP Giegold u sħabu l-Ħodor fil-Parlament jaħdmu fid-direzzjoni tal-Partit Nazzjonalista billi jżidu l-pressjoni fuq il-Gvern Soċjalista u l-aġir ta’ persuni qrib tiegħu, li bl-għemil tagħhom qed ikissru r-reputazzjoni tajba li dejjem kellu pajjiżna,” qal il-PN.

Il-PN qal li l-Gvern għandu jimplimenta r- rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Veneza u jagħti widen għar-rapporti internazzjonali u Ewropej kollha li skont il-partit ilhom juru b’mod ċar li mhu qed jagħmel xejn biex jiġġieled il-korruzzjoni b’mod konkret u b’serjetà.

Il-Ħadd li għadda, Giegold qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha tara li s-sitwazzjoni f’Malta tkun priorità kbira u biex tiskatta proċedura taħt Artiklu 7 tat-trattati tal-UE. Qal ukoll li l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew għandhom jistaqsu lilhom infushom għalfejn il-Partit Laburista għadu membru tal-grupp parlamentari tiegħu.

L-abbozz tar-rapport tal-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-korruzzjoni magħruf bħala l-GRECO qal li jekk Malta mhux se tirranġa s-sistema kriminali ġudizzjarja se jkun hemm riskju li din tikkolassa.

Skont il-ġurnal Times of Malta r-rapport tal-GRECO qal li r-responsabbiltajiet kriminali għandhom jiġu maqsuma bejn l-istituzzjonijiet inkella din is-sistema se tispiċċa taħt pressjoni.

Rappreżentanti tal-PN ħadmu kontra Malta – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li f’delegazzjonijiet li ġie fihom Giegold spalla ma’ spalla miegħu kien hemm l-MEPs Roberta Metsola u David Casa. Il-PL qal li hu u l-Gvern kienu fuq in-naħa l-oħra jiddefendu lil Malta.

Fi stqarrija, Giegold qal li qatt ma stenna xi ċapċip mill-PL. Żied jgħid li “political cowardice” li l-PN ilu s-snin jilmenta dwar il-korruzzjoni u l-impunità però imbagħad jieħu pożizzjoni b’saħħitha kontra l-ftuħ ta’ proċedura taħt Artiklu 7. Qal li Artiklu 7 huwa għal meta jinkisru l-valuri fundamentali Ewropej b’mod sistematika. Qal li dan huwa eżatt dak li sab il-Kunsill tal-Ewropa. Fi kliem Giegold, investigazzjoni dwar ir-rispett lejn il-liġi f’Malta mill-Unjoni Ewropea tista’ ssaħħaħ il-vuċi ta’ dawk kollha li f’Malta iridu jaraw aktar rispett lejn il-liġijiet.

Giegold kien imwaqqaf milli jiġi Malta

F’Settembru tal-2018, Newsbook.com.mt irrapporta li l-Membru Parlamentari Ewropew mill-Partit tal-Ħodor Sven Giegold kien imwaqqaf kemm-il darba biex ma jipparteċipax fid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li żaret lil Malta. Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li xi MEPs mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi kienu qed “jippruvaw jagħmlu minn kollox biex Giegold ma jipparteċipax”. Is-sorsi fi Brussell qalu li dan kollu kien qed isir taħt pressjoni mill-Gvern Malti.