​Kundanna mill-IĠM għax-xkiel ta’ ġurnalist ilbieraħ

LIstitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna l-mod kif ġurnalist “ġie mfixkel milli jagħmel xogħlu” waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta lbieraħ.
Fi stqarrija, l-IĠM qal li kif juru l-filmati mxandra, il-ġurnalist ta' One News ġie mxekkel waqt li kien qed jiġbed filmat minn persuna li kienet preżenti fl-istess sala. L-IĠM qal li r-rispett lejn ix-xogħol tal-ġurnalisti mill-pubbliku huwa importanti. L-IĠM appella biex ġurnalisti jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr ma jkunu f’riskju waqt li-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Kunsill Lokali kien qed jiddiskuti mozzjoni mressqa mill-Kunsillier Ray Azzopardi biex jitneħħa “monument temporanju” li twaqqaf faċċata tal-Qorti, u li jfakkar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 
Fil-laqgħa kien hemm diversi mumenti ta’ kommossjoni u ħinijiet minnhom kienu dominati minn għajjat u nuqqas ta’ qbil.