Kundanna għall-kummenti ta’ mibgħeda kontra Cecilia Malmström

Il-European Network Against Racism (ENAR) fi Brussell tikkundanna l-kummenti ta’ mibgħeda li saru fil-konfront tal-Kummissarju Ewropew Cecilia Malmström, ta’ bosta għaqdiet mhux governattivi u anke ta’ pesruni li qed ifittxu ażil. 

Dan wara li fil-5 u 6 ta’ Awwissu li għadda, Malmström u l-għaqdiet talbu lil Malta biex taċċetta 102 immigranti irregolari li kienu fuq l-MV Salamis.

Wara l-ħafna kummenti razzisti u ta’ mibgħeda li nkitbu fuq il-midja soċjali, l-ENAR qed tgħid li dawn jiksru d-drittijiet tal-bniedem.

Wara dan l-aġir, qed titlob lill-gvernijiet biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni dwar il-mibgħeda fuq l-internet u anke biex jadottaw politika ta’ tolleranza zero biex ma jkunx hawn aktar kummenti li jinstigaw vjolenza, razziżmu u kull forma oħra ta’ diskriminazzjoni.