Kundanna għall-forom kollha ta’ razziżmu mill-Parlament Ewropew

Il-liberta tal-kelma ma tipproteġix ir-razziżmu u x-xenofobja

Il-Parlament Ewropew qal li ma hemm l-ebda lok għal razziżmu u diskriminazzjoni fis-soċjetajiet. Il-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw għal riżoluzzjoni li titlob li l-Unjoni Ewropea tieħu pożizzjoni b’saħħitha u deċiżiva kontra r-razziżmu, il-vjolenza u l-inġustizzja.

Ir-riżoluzzjoni tenfasizza li l-espressjonijiet razzisti u xenofobiċi mhumiex koperti mill-liberta tal-kelma. Għalhekk, il-Membri kkundannaw il-fatt li l-forzi politiċi estremisti u ksenofobiċi madwar id-dinja qegħdin jirrikorru dejjem aktar biex idawwru l-fatti storiċi, statistiċi u xjentifiċi.

Il-Parlament ikkundanna bil-qawwa l-mewt orribbli ta’ George Floyd fl-Istati Uniti kif ukoll qtil simili f’postijiet oħra fid-dinja. L-MEPs appellaw lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jindirizzaw ir-razziżmu u l-inugwaljanzi filwaqt li kkritikaw ir-repressjonijiet tal-Pulizija fuq dimostranti paċifiċi u l-ġurnalisti. L-MEPs ikkundannaw ukoll it-theddida tal-President Trump li juża l-armata kif ukoll ir-“retorika xewwiexa” li juża.

Huma fissru kif l-użu tal-forza mill-awtoritajiet għandu dejjem ikun “legali, proporzjonat, meħtieġ u tal-aħħar għażla”, filwaqt li l-Membri insistew li “l-użu eċċessiv tal-forza kontra l-folol jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità”.