Kundanna għall-appoġġ tal-Gvern Malti lill-Iżrael

Diversi għaqdiet qed juru t-tħassib tagħhom għall-appoġġ li l-Gvern Malti lest li jagħti lill-Iżrael fl-applikazzjoni tiegħu għal siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuqa. Dalgħodu fil-Belt l-għaqda Palestine Solidarity Network sejjħet konferenza tal-aħbarijiet fid-dawl ta’ żviluppi riċenti li jikkonċernaw il-Palestina.
F’dawn l-aħħar jiem fix-Xatt tal-Punent u f’Gaza, il-Palestinjani kienu suġġett għall-agħar attakki Iżraeljani f’dawn l-aħħar snin hekk kif l-Iżrael iddikjara kastig kollettiv fuq il-Palestinjani.
Dan wara li tliet okkupanti Iżraeljani nstabu mejta fil-Palestina. Min-naħa tiegħu, l-Iżrael irribatta billi arresta aktar minn 600 Palestinjan mingħajr ma ġew mixlija b’akkużi, 6 oħra sfaw maqtula minn suldati Iżraeljani u tifel inħataf u nħaraq minn okkupanti llegali Iżraeljani.
Il-Palestine Solidarity Network ikkundanna l-appoġġ tal-Gvern lil Iżrael u qal kif dan l-istess appoġġ jitfa' lura deċiżjoni li kienet ittieħdet mill-Gvern li dejjem appoġġa l-kawża Palestinjana.
Il-Kelliem ta’ Moviment Graffiti, Andre' Callus, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-appoġġ għall-Palestina huwa leġittimu minħabba dik li semma bħala sitwazzjoni politika li qed tara territorju Palestinjan kontinwament maħtuf u opressat minn okkupanti illegali Iżraeljani.
Il-Moviment Graffiti huwa fost l-għaqdiet li jifformaw parti mill-Palestine Solidarity Network.