Kunċerti tal-Milied mill-Kor Gaulitanus

Read in English.

Bħal dejjem, il-Kor Gaulitanus ta’ Għawdex se jkun involut f’bosta attivitajiet li jsiru fil-gżira Għawdxija fl-istaġun tal-Milied.

Dis-sena l-impenji tal-kor jiftħu nhar is-Sibt 14 ta’ Diċembru meta l-kor jieħu sehem fil-Christmas Market ġewwa l-Munxar bejn is-7.30pm u d-9pm. Żewġ impenji informali jsiru fl-Arkadia Commercial Centre, fejn il-kor janima l-ambjent b’xi għanjiet tal-Milied nhar il-Ħadd 15 ta’ Diċembru bejn il-5.30pm u s-7.30pm u l-Ħadd 22 bejn 10.00am u nofsinhar.

Lejlet il-Milied, il-kor ikun il-Kempinski Hotel San Lawrenz, fejn se jippreżenta programm ta’ għanjiet tal-Milied bejn is-7pm, u t-8.45pm. Dan isir fil-lounge tal-lukanda, fejn anke jiġu servuti xi refreshments.  

Imbagħad fit-28 tax-xahar, il-kor u l-Gaulitanus Orchestral Ensemble se jagħtu kunċert importanti fil-Bażilika tax-Xagħra fis-7.30pm. F’dan il-kunċert annwali organiżżat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra, se jiġu nterpretati bosta bċejjeċ varjati assoċjati mal-istaġun festiv.

Il-Kor Gaulitanus imbagħad jagħlaq l-impenji tiegħu fl-ewwel tas-sena meta jippreżenta “A New Year’s Toast”. B’dan il-kunċert annwali, li issa wasal fit-8 edizzjoni tiegħu, il-kor u s-solisti tiegħu jilqgħu s-sena ġdida b’bonanza mużikali ta’ bċejjeċ Natalizji, operistiċi u oħrajn, li żgur jerħu lil kull min jattendi b’togħma tajba. Il-kunċert, li jibda fis-7.30pm, se jkun ukoll l-ewwel mpenn li jiċċelebra t-30 sena mit-twaqqif uffiċċjali tal-kor.

Dawn l-attivitajiet, li għalihom id-dhul jkun b’xejn fuq bażi ta’ first-come-first-served, se jkun taħt id-direzzjoni mużikali u artistika tas-surmast direttur u fundatur tal-Kor Gaulitanus, Colin Attard.