Kunċerti ta’ Madonna jinbiegħu kollha fi żmien siegħa

Ir-ritorn ta’ Madonna fix-xena mużikali jidher li kien mistenni ferm. Bosta kienu qed jistennew li din l-artista ta’ 60 sena tħabbar it-tour tagħha u malli dan tħabbar illum, kien hemm interess kbir, tant li l-biljetti ta’ bosta kunċerti nbiegħu kollha fi żmien siegħa. Dawn kienu l-kunċerti li kellha pjanati li tagħmel fi Brooklyn u fi New York.

B’differenza mit-tours li mdorrijjin naraw lil din l-artista tagħmel is-soltu, għall-kunċerti ntitolati Madame X Tour, Madonna mhux se tkun qed tagħmel wirjiet f’postijiet kbar iżda għażlet li ttella’ dawn il-kunċerti ġo teatri magħżula apposta.

L-artista qalet li tixtieq li dan it-tour ikun wieħed intimu fejn is-segwaċi tagħha jistgħu jħossuhom qrib tagħha.

Il-kunċerti li qed jingħad li nbiegħu huma seba’ li huma pjanati li jsiru fil-BAM Howard Gilman Opera House, u dawk ta’ The Wiltern Theatre.

Issa qed jingħad li se jitħabbru aktar kunċerti f’dawn iż-żewġ it-teatri.

Il-Madame X Tour ta’ Madonna mistenni mbagħad ikompli f’teatri oħra f’Chicago, f’Miami, f’las Vegas, f’Boston u fil-Philadelphia.