Kunċerti sold out għar-rebbieħ tal-Eurovision

Ritratt: Andres Putting

Nhar is-Sibt li għadda Duncan Laurence rebaħ l-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Arcade, li diġa saret double platinum fl-Olanda, kif ukoll laħqet il-quċċata tal-klassifiċi mużikali madwar id-dinja, kif ukoll kisret rekord fuq Spotify. Figuri maħruġa juru li ġurnata wara li għadda l-Eurovision, il-kanzunetta Arcade kellha streaming ta’ 1.4 miljun aktar milli kien hemm fil-jum ta’ qabel.

Fuq l-iTunes, din il-kanzunetta li tat lill-Olanda l-ħames rebħa tagħhom fil-Eurovision, ukoll sejra tajjeb u qed timmarka fil-ħames pożizzjoni, qrib kanzunetti ta’ artisti kbar bħal Taylor Swift, Halsey u Lady Gaga.

Fil-Kanada, fil-Ġappun, fil-Messiku, fil-Mozambique u fl-Istati Uniti, Duncan Laurence qed iħalli l-marka tiegħu fil-klassifiċi wkoll. B’hekk, bla dubju, huwa l-artist mill-Eurovision 2019 bl-aktar suċċessi fil-klassifiċi madwar id-dinja.

Dan ovvjament qed jinkuraġixxi lil dan l-artist ta’ 25 sena biex jipprepara għall-ewwel tour Ewropew tiegħu li se jieħdu f’pajjiżi bħall-Ingilterra, il-Ġermanja, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Iżvezja.

Iżda qabel dan, Duncan Laurence s jkun qed idur ukoll bosta bliet fl-Olanda għal 12-il kunċert, li wħud minnhom diġa huma sold out, fosthom wieħed li se jsir f’Amsterdam f’Lulju li ġej.