Kunċert tar-Randan fil-Mosta

L-Għaqda Filantropika Talent Mosti se tkun qed ittella’ kunċert tar-Randan minn Selezzjoni tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Wayne Bartolo. Il-kunċert se jittella’ b’risq id-Down Syndrome Association Malta nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu fis-7pm.

L-Assoċjazzjoni Down Syndrome Malta hija għaqda li  ġiet imwaqqfa fl-1991, stabbilita u mmexxija minn ġenituri ta’ persuni li għandhom il-kundizzjoni Down Syndrome. Ix-xogħol tal-assoċjazzjoni jiddependi kompletament fuq voluntarjat,  fuq il-ġenerożità tal-membri tagħha u tal-pubbliku ġenerali permezz ta’ donazzjonijiet li jgħinu biex jintlaħqu l-ispejjeż amministrattivi u biex tkompli bil-missjoni tagħha.

Wieħed mill-għanijiet tal-assoċjazzjoni huwa li tħeġġeġ lin-nies li għandhom din il-kundizzjoni biex jilħqu l-potenzjal tagħhom għal ħajja ta’ suċċess u kuntentizza, f’soċjetà li tirrikonoxxi l-abilitajiet tagħhom u li tappoġġja l-bżonnijiet tagħhom. L-assoċjazzjoni tikkuntattja wkoll ġenituri ta ‘trabi li għadhom jitwieldu li għandhom Down Syndrome kmieni kemm jista’ jkun u tipprovdi pariri u appoġġ partikolarment fl-istadji bikrija tal-ħajja tat-tarbija. L-Għaqda tappoġġja wkoll l-interessi u l-bżonnijiet ta’ nies li għandhom Down Syndrome fl-aspetti kollha tal-ħajja u l-bżonnijiet ta’ individwi, bħala membri tal-familja u tal-komunità.

L-Assoċjazzjoni Down Syndrome Malta se nkomplu fil-missjoni tagħna biex tilħaq  aktar għanijiet biex persuni li għandhom il-kundizzjoni Down Syndrome jieħdu sehem b’mod aktar sħiħ fl-aspetti kollha tas-soċjetà.

Għal aktar tagħrif idħlu fil-paġna facebook: Razzett tal-Markiż