​Kunċert tal-Milied għall-familja kollha minn EnKor

Il-Milied jinsab wara l-bieb u EnKor, kor lokali, qiegħed iħejji ruħu għal serata ta’ mużika bit-tema tal-Milied għall-familja kollha.
EnKor’s Holly Jolly Christmas Concert se jsir fil-kappella tal-Università ta’ Malta nhar il-Ġimgħa li ġej fit-8pm.
Parti sostanzjali mill-flus tal-biljetti tal-kunċert se jingħataw bħala donazzjonijiet lil tliet għaqdiet lokali: il-Kappella tal-Università ta’ Malta, Dr Klown u Carers for Stray and Abandoned Felines (CSAF).
EnKor mistenni jkompli minn fejn ħalla sentejn ilu, billi jinkorpora arranġamenti ġodda ta’ kanzunetti magħrufa tal-Milied li ġew miktuba mill-konduttur tal-kor innifsu Brian Dimech u l-pjanista Siobhan Vassallo.
Il-kor ilu mwaqqaf għal dawn l-aħħar 15-il sena. Huwa mmexxi minn kumitat ta’ ħames persuni u jallegra b’mużika versatili iżda bl-għeruq ġejjin mill-mużika gospel.
Jekk tixtieq tkun parti mill-udjenza f’din is-serata tista’ tixtri l-biljett tiegħek għal €7 mingħand il-membri tal-kor stess, mill-Kappella tal-Università, jew onlajn.