Kunċert tal-Milied fil-Katidral ta’ Għawdex

Fis-sena 2017, l-iSchola Cantorum Jubilate, waqqfet l-SCJ Children’s Choir bl-għan li dawn it-tfal jiġu edukati mużikalment b’mod professjonali waqt li jiġu esposti għad-dinja korali. Fil-fatt, dawn it-tfal u adoloxxenti, li l-eta’ tagħhom tvarja bejn it-8 u l 14-il sena, apparti li jitgħallmu biċċiet ġodda, jitgħallmu t-teorija tal-mużika, it-teknika vokali u s-sulfeġġ (sight singing).  

Ir-riżultati juru biċ-ċar li f’qasir żmien dan il-grupp għamel passi ta’ ġgant. It-tfal jitgħallmu bl-amment il-mużika tagħhom u jagħtuha interpretazzjoni stupenda. Huma diġa kellhom diversi okkażjonijiet fejn ipparteċipaw fosthom f’Lejla tar-Rebbiegħa flimkien mal-kor tal-Iskola tal-Mużika ta’ Malta, f’Once upon a …song, fi Trail of Voices 2018 u dan l-aħħar fl-opra tat-tfal li ttellgħet għall-ewwel darba f’Għawdex – Bo-Peep, a little little Opera for Children komposta mill-mibki surmast Joseph Vella.

Carols in the Cathedral huwa l-appuntament li jmiss. Il-koristi ilhom jipreparaw minn Novembru biex itellgħu dan il-kunċert tal-Milied li ser isir nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru fis-7pm fil-Katidral ta’ Għawdex li jinsab propju fil-qalba taċ-Ċittadella li bla dubju hija post storiku prominenti.

Il-kunċert ser jinkludi diversi għanjiet klassiċi tal-Milied bħal ‘Silent Night’, ‘Joy to the World’ u ‘O Holy Night’. Barra minn hekk ser ikunu inklużi biċċiet kontemporanji miktuba apposta għall-korijiet tat-tfal. Fost dawn insibu xogħlijiet ta’ Sleeth, Estes, Jolliffe u Menken. Il-kor ser jinterpreta ukoll ‘Milied Malti’, medley ta’ għanjiet tal-Milied Maltin b’arranġament ta’ Chris Muscat.

L-Echo String Ensemble ser tipparteċipa ukoll u ser tinterpreta xi għanjiet tradizzjonali b’arranġamenti ta’ Emese Tóth li hija responsabbli mill-Ensemble. Il-kunċert ser ikun taħt id-direzzjoni ta’ Marouska Attard u bl-akkumpanjament fuq il-pjanu minn Amy Rapa.  

Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn. Fil-fatt, għalkemm il-kunċert huwa mtella’ minn tfal u adoloxxent, il-kunċert  huwa mmirat għal kull eta’ għax żgur li l-messaġġi li ser jingħataw huma tajbin għal kull individwu. Barra minn hekk, avveniment bħal dan ser ikompli jarrikkixxi l-festi ta’ dan l-istaġun.