Kunċert ta’ Michela fis-6 ta’ Ġunju; Avveniment bla ħlas

Luke Zerafa

Friska mis-suċċess fil-kompetizzjoni X Factor u wara l-parteċipazzjoni tagħha fl-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, fejn klassifikat fit-tmien post fis-semifinali u fl-14-il post fil-finali, Michela Pace tkompli tiddomina x-xena mużikali.

Filwaqt li hi diġa’ ħabbret li se tkun qed taħdem fuq album mużikali, issa ħarġet uffiċċjalment il-konferma ta’ kunċert fi Pjazza Tritoni nhar is-6 ta’ Ġunju.

Dan il-kunċert se jkun qed jitwassal mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali flimkien ma’ Television Malta u Vodafone, biex jikkomemoraw l-ewwel ċentinarju tal-avvenimenti tas-Sette Giuno.

Ritratt: Facebook

Dan il-kunċert qed jiġi deskritt bħala wieħed li se jkun memorabbli hekk kif fuq il-palk se naraw spettaklu tassew uniku bis-sehem tal-finalisti mill-programm X Factor Malta. Mhux se jonqsu l-viżwali mill-aqwa, żeffiena, korjografiji spettaklolari u l-aqwa talent Malti.

Dan l-avveniment se jkun miftuħ b’xejn għal kulħadd il-Ħamis 6 ta’ Ġunju mit-8pm ‘il quddiem.