Kunċert strumentali fit-Teatru Manoel

Il-Banda San Gabriel ta’ Ħal Balzan se ttella’ kunċert strumentali ġewwa t-Teatru Manoel fil-Belt Valletta, taħt il-Patroċinju tal-President Marie-Louise Coleiro Preca.
Dan se jsir nhar il-Ħadd 13 ta’ Diċembru fis-7.00 ta’ flgħaxija.
Il-Banda San Gabriel se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Joseph Vella. Il-Kunċert hu mtella’ mill-Għaqda Każini tal-Banda fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ċeċilja, Patruna tal-Mużiċisti.
Il-kunċert mużikali jinkludi silta oriġinali u ġdida miktuba din is-sena mis-Surmast Direttur tal-Banda San Gabriel, li qed jiċċelebra l-25 sena minn meta ħa f’idejh it-tmexxija ta’ din il-Banda. Din is-silta jisimha ‘Fortutido Dei’.
Il-programm jinkludi wkoll siltiet minn Malta, fejn se jingħata ġieħ l-450 sena mill-Assedju kif ukoll tonora lill-kompożituri Maltin f’dan il-kunċert. Tieħu sehem ukoll is-Sopran Marita Bezzina.
Il-biljetti nbiegħu kollha f’temp ta’ ftit sigħat, u għaldaqstant id-dilettanti tal-mużika u l-pubbliku huma mħeġġa jsegwu dan il-kunċert u oħrajn fuq www.stgabrielbandclub.com/teatru-manoel.html jew inkella billi jagħmlu like fuq il-Facebook tal-Każin.