Id-djalogu bejn il-mużika u t-teknoloġija f’kunċert fil-Belt

“Djalogu bejn Mużika u Teknoloġija” hu kunċert li se jittella’ bħala waħda mill-attivitajiet waqt it-tieni edizzjoni tal-festival Xjenza fil-Belt li se jsir nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru.

Il-kunċert juri kif kompożituri jittrasformaw il-ħoss tal-pjanu permezz ta’ mezz elettroniku. Dan il-kunċert-djalogu għandu l-ħsieb li jiggwida lill-udjenza matul vjaġġ ta’ mużika u xjenza b’kull silta mużikali.

Il-pjanista Tricia Dawn Williams se tippreżenta għażla ta’ siltiet mużikali għall-pjanu u mużika elettronika bil-kollaborazzjoni ta’ Giorgio Nottoli, mużicist li jispeċjalizza fil-mużika elettronika live u inġinier tal-ħoss mill-konservatorju tal-mużika ta’ Santa Cecilia f’Ruma.

Din il-preżentazzjoni se ssir fil-Kamra tal-Mużika, fiċ-Ċentru għall-Kreattività f’St James Cavalier. Id-dħul hu b’xejn.

Wieħed jista’ jsegwi l-programm tal-Festival fuq Facebook għall-aġġornamenti b’mod regolari:  www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta