Kunċert mal-foqra u għall-foqra fil-Vatikan

Il-Papa Franġisku jiekol mal-fqar wara l-kunċert tas-sena l-oħra

It-tielet edizzjoni tal-Kunċert għall-foqra u mal-foqra” se jsir fil-Vatikan, nhar is-Sibt 9 ta’ Novembru fis-6.00 p.m. fis-Sala Pawlu VI.

Stqarrija tas-Santa Sede tgħid li l-ewwel postijiet fis-sala se jkunu riservata “għal ħutna l-aktar fil-bżonn. L-intenzjoni hi li “nagħtuhom żerriegħa ta’ tama permezz tal-lingwa universali li hi l-mużika”.

Bħala ġest ta’ solidarjetà sħiħa, fi tmiem il-kunċert, grupp ta’ voluntiera se jqassmu ikla lill-foqra kollha preżenti.

Il-Jum Dinji tal-Foqra

Dan l-avveniment jkun organizzat mill-Kunsill  Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ Evanġeliżazzjoni Ġdida b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni “Nova Opera” u jiftaħ l-attivitajiet  tat-Tielet Jum Dinji tal-Fqar, li jkun ċelebrat fis-17 ta’ Novembru din is-sena bit-tema “It-Tama tal-Foqra ma tkun Qatt Diżappuntata”.

Waqt dan il-kunċert, l-orkestra se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Nicola Piovani li għadu kif rebaħ Oscar. Il-mużiċisti se jdoqqu biċċiet mill-film ta’ Roberto Benigni “Life is Beautiful” li għalih Benigni wkoll kien rebaħ Oscat fl-1999 u partijiet mill-mużika tal-film “Pinocchion”.

Bħalma ġara fl-ewwel żewġ edizzjonijiet ta’ dan il-kuċert, il-Kor tad-Djoċesi ta’ Ruma se jkun taħt it-tmexxija ta’ Mons. Marco Frisina.  Hu se jidderiġi żewġ sonata li jiġbru fihom temi meħuda mill-mużika ta’ telefilms famużi ispirati mill-figuri ta’ Papiet u Qaddisin.

7,000 persuna

Tradizzjonalment, l-iskop ta’ dan il-Kunċert hu li joffri lejla ta’ mużika, riflessjoni spiritwali u inklużjoni lil madwar 7,000 persuna li jattendu bla ħlas, fosthom l-aktar nies foqra ufil-bżonn, familji f’diffikultajiet, anzjani, nies bla saqaf fuq rashom u persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet ta’ pesuni anzjani u morda.

Diversi assoċjazzjonijiet jikkollaboraw għal dan l-avveniment u jkunu preżenti għalih fosthom rappreżentanti tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta, il-Caritas ta’ Ruma, il-Komunità Sant’Egidio, iċ-Ċentru tar-Refuġjati ta’ Astalli, il-Missjunarji tal-Karità u UNITALSI.