Kunċert għand Ta’ Ġieżu Għajnsielem

Nhar is-Sibt 4 ta’ Jannar, il-Fondazzjoni Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, bħala parti mit-thejjija li qed tagħmel biex iktar tard din is-sena tfakkar il-Mitt Sena mit-Twelid tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni u t-tletin sena minn mindu kien żar il-Gżejjer Maltin, organizzat kunċert mużikali fil-Knisja tal-Patrijiet ta’ Sant’Antnin f’Għajnsielem li fih ħadu sehem erba’ korijiet Għawdxin.

Dawn kienu l-Kor Ulied il-Battista mill-Parroċċa tax-Xewkija, il-Kor Magnificat mill-Parroċċa ta’ San Gużepp fil-Qala, il-kor Virgo mill-Parroċċa t’Għajnsielem u l-Kor Sant’Antnin mill-Komunita’ tal-Patrijiet Għajnsielem. 

Dawn kantaw għadd sabih ta’ Għanjiet tal-Milied li tant intlaqgħu tajjeb mill-għadd kbir ta’ ġenituri tat-tfal u membri tal-pubbliku.  Fil-kunċert ħadu sehem ukoll it-tenur minn Għajnsielem iż-żagħżugħ promettenti t-tenur Angelo Muscat, kif ukoll iż-żewġ kantanti Maltin Chiara u Brad Cardona li komplew taw kulur u ħajja lil dan il-kunċert. 

Il-Ministeru għal Għawdex, lill-Kunsill Lokali t’Għajnsielem kif ukoll lill-Kommunita’ tal-Patrijiet taw l-għajnuna kollha tagħhom biex seta’ jittella’ dan il-kunċert li kien ippreżentat mill-Kav Joe M Attard li qara wkoll il-poeżija tiegħu ‘Is-Seħer tal-Milied’.