Kunċert fil-Mellieħa mżewwaq b’diversi tipi ta’ mużika

L-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tal-Mellieħa se żżomm l-appuntament tagħha billi ttella’ l-kunċert annwali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina nhar il-Ħadd 1 ta’ Settembru fit-8.15pm fil-pjazza tal-parroċċa tal-Mellieħa. Dan hu kunċert li kiseb popolarità kbira li hu mfittex minn ħafna.

Il-kunċert se jkun imżewwaq b’diversi tipi ta’ mużika, minn stil klassiku sa dak modern u se jolqot il-gosti ta’ kulħadd. Dan il-kunċert mużikali. li ilu jittella’ mill-1992, se jkollu kantanti, żeffiena, kor u orkestra u protagonisti oħra fosthom Claire Caruana, Ludwig Galea, Sarah Bonnici, il-Marsa Pipes and Drums u kif ukoll il-Paul Curmi Dancers.

L-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina stiednet lill-pubbliku biex jattendi għal dan il-kunċert li bħal dejjem hu ferm imżewwaq.

Id-daqq li jsir fil-knisja arċipretali tal-Mellieħa, kemm ta’ lejlet kif ukoll ta’ nhar il-festa, huma tal-kor u l-orkestra tal-istess Għaqda. Il-mużika tal-quddies u l-għasar li jindaqqu fil-festa, huma kompożizzjoni tal-eks surmast tal-Għaqda Mro Carmel Muscat waqt li ż-żewg antifoni huma ta’ Mro. Carmel Muscat u ta’ Aronne Sultana.

Id-direzzjoni mużikali se tkun ta’ Mro Michael Bonanno.