Kunċert fil-Ġermanja biex jittestjaw l-imxija tal-coronavirus

Photo by Vishnu R Nair from Pexels

Read in English.

Is-Sibt li għadda l-Ġermanja organizzat kunċert biex tanalizza l-mod kif jixtered il-coronavirus f’attivitajiet tal-massa. L-istudju li jismu Restart-19, ir-riċerkaturi qalu li ġie maħluq biex jinvestiga l-kundizzjonijiet li għandu jkun hemm f’avvenimenti waqt il-pandemija.

Il-voluntiera li ħadu sehem marru f’parti minn arena ta’ Leipzig minn fejn ix-xjenzati setgħu jiġbru l-informazzjoni. Dan il-kunċert mużika pop ġie maħluq b’kontrolli stretti tas-saħħa u s-sigurtà, għaldaqstant qed jitqies bħala simulazzjoni tal-ħajja reali.

B’kollox, madwar 4,000 voluntier bejn it-18 u l-50 sena ħadu sehem fl-esperiment li kien żviluppat mill-Isptar Universitarju ta’ Halle. Kull voluntier kellu jieħu test tal-coronavirus qabel il-kunċert u ttestja negattiv. Waqt il-kunċert ġie impost l-użu tal-maskri protettivi.

Għall-kunċert, il-voluntiera kellhom tracker li permezz tiegħu, ir-riċerkaturi setgħu janalizzaw ir-rotot l-aktar użati fl-arena u jsegwu n-nifsijiet fejn qed jonfħu l-aktar waqt li jitkellmu u jitħalltu mal-oħrajn. Ir-riċerkaturi użaw diżinfettanti b’kuluri jgħajjtu biex isibu liema huma l-aktar spazji u żoni li ntmessu spiss.

L-istudju kien jinkludi tliet stadji bl-ewwel wieħed organizzat daqs li kieku qiegħdin qabel il-pandemija, it-tieni b’iktar iġjene u ftit distanza soċjali, filwaqt li t-tielet inżamm b’nofs in-numri u kull persuna ntalbet iżżomm 1.5m ‘il bogħod minn xulxin.

Il-kantawtur Tim Bendzko daqq fit-tliet stadji suċċessivi.

Ir-riżultat tal-istudju hu mistenni li jiġi ppubblikat bejn erba’ u sitt ġimgħat oħra.

Il-Ġermanja rreġistrat aktar minn 2,000 każ fl-aħħar 24 siegħa. L-Istitut Robert Koch qal li n-numru totali ta’ każijiet huwa ta’ 232,082.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn