Kunċert b’xejn għall-1 tas-Sena f’Għawdex

Il-diversi impenji tal-Kor Gaulitanus għal żmien il-Milied għal darb’oħra jilħqu l-qofol tagħhom fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida b’kunċert mużikali. Fil-fatt nhar il-Erbgha l-1 ta’ Jannar il-kor Għawdxi se jtella’ t-8 edizzjoni tal-kunċert annwali A New Year’s Toast. Dan se jsir ġewwa l-lukanda Kempinski San Lawrenz, Għawdex u jibda fis-7.30pm. Id-dħul għall-kunċert, li se jittella’ bl-għajnuna tal-Kempinski, BOV u Playpen, huwa b’xejn.

Bħal dejjem se jiġi ppreżenat repertorju ferrieħi adattat għall-okkażjoni li żgur se jissodisfa lil min jagħżel li jiftaħ is-sena b’din l-attività mużikali. Bċejjeċ varjati  assoċjati ma’ dan il-perjodu festiv se jalternaw ma’ bosta korijiet operistiċi eċitanti ta’ Giuseppe Verdi u ma’ siltiet li jfakkru t-3 mawriet li l-kor kellu barra minn Malta matul is-sena li waslet biex tispiċċa. Bċejjeċ melodjużi ferm tal-famuż kompożitur Brittaniku Ivor Novello jikkumplimentaw il-programm li żgur se jiggarantixxi serata li tpaxxi kemm il-widna kif ukoll lill-ispirtu! Mal-Kor Gaulitanus se jingħaqdu s-solisti tiegħu, b’direzzjoni mużikali u artistika tal-fundatur u direttur tal-kor Colin Attard.

Din l-attività se ssir ftit jiem biss wara kunċert ieħor li l-kor se jtella’ fil-Bażilika tax-Xagħra s-Sibt 28 ta’ Diċembru fis-7.30pm. Dan il-kunċert, li se jikkonsisti f’repertorju differenti bil-parteċipazzjoni tal-Gaulitanus Orchestral Ensemble, hu mtella’ mill-Kunsill Lokali Xagħra.

A New Year’s Toast mhux biss jagħlaq l-ewwel parti tal-istaġun tal-kor għall-2019-2020 imma se jkun ukoll l-ewwel avveniment li jiċċelebra t-30 sena mit-twaqqif uffiċjali tal-Kor Gaulitanus.