“Kun aktar trasparenti dwar l-inċineratur tal-Magħtab” – Farrugia lill-Gvern

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia sejjaħ lill-Gvern sabiex ikun trasparenti dwar il-pjanijiet għall-inċineratur fil-Magħtab.

Dan intqal fi stqarrija mibgħuta mill-partit stess li semma li Farrugia qal dan illum qabel ma ltaqa’ l-Kumitat tal-Parlament dwar l-Ambjent u Żvilupp. Waqt din il-laqgħa se jiġu diskussi pjanijiet biex jinbena inċineratur fil-Magħtab, Malta. Skont l-istqarrija l-laqgħa tal-kumitat ġiet imsejħa wara inizzjattiva meħuda mill-PD fil-Parlament.

Farrugia nnota kif hemm bosta mistoqsijiet bla tweġibiet meta jiġu għall-pjanijiet biex jiżviluppaw faċilità fil-Magħtab għal waħda waste-to-energy. Sostna li l-PD jrid risposti dwar jekk il-Gvern għamilx studju dwar l-impatt pontenzjali ta’ inċineratur tat-tip fuq l-attitudni tan-nies fir-rigward tar-riċiklaġġ. Staqsa wkoll kif jista’ jassigura l-Gvern li l-impatt fuq il-kwalità tal-arja fil-madwar tal-impjant ma jkunx negattiv. L-aħħar mistoqsija kienet tinvolvi dwar x’se jsir mill-irmied.

Farrugia nnota li sal-lum ma jidhirx li hemm sforz ġenwin biex issir strateġija ta’ tnaqqis fl-iskart.