Kun af kemm se jkollok pensjoni u meta se tirtira mill-mowbajl

Il-Gvern nieda applikazzjoni ġdida li biha tkun tista’ tiċċekkja għal kemm se tkun intitolat pensjoni ladarba tirtira.
Dan ħabbru l-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha introduċa żewġ apps li wieħed ikun jista’ juża fuq il-mowbajl.
Dawn huma l-Kalkulatur għall-Pensjoni tal-Irtirar u l-Kalkulatur għal Dħul f’Dar tal-Anzjani.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li għal dawk li twieldu mill-1952 ’l quddiem, il-Kalkulatur għall-Pensjoni tal-Irtirar jagħtik stima tal-pensjoni ladarba tirtira, billi ddaħħal l-informazzjoni mitluba.
Mill-banda l-oħra l-Kalkulatur għal Dħul f’Dar tal-Anzjani tagħtik stima mhux uffiċjali ta’ kemm irid iħallas persuna li tkun dieħla f’dar tal-anzjani, dejjem meta tagħtih l-informazzjoni li jitolbok iddaħħal.
Il-Ministru Falzon sostna li din l-inizjattiva għandha ttejjeb l-infrastruttura ta’ servizzi onlajn għaċ-ċittadin, waqt li tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Direttorat għal Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riżorsi umani.
Idħol hawnhekk biex tkun taf kif taħdem dis-sistema.