Kumpens ta’ €28,000 lil ħaddiem li waħħal subajgħ ma’ ktieb bi stitcher

Il-Qorti ordnat lill-kumpanija Seliter biex tħallas mat-€28,000 f’kumpens lil ħaddiem li waħħal subajgħ ma’ ktieb bi stitcher ta’ makkinarju industrijali.
L-inċident seħħ fis-16 ta’ Marzu tal-2005 meta l-ħaddiem li għandu 40 sena kien qed jaħdem fi stamperija.
Fil-Qorti ntqal li l-ħaddiem ma kienx ingħata t-taħriġ meħtieġ u b’konsegwenza tal-inċident, r-raġel qatt ma reġa’ rkupra l-użu totali tas-swaba u spiċċa bi 12% diżabilità.
Il-kumpanija enfizzat li r-raġel kien ingħata t-taħriġ meħtieġ u li kien responsabbli tal-inċident għaliex kien ordnat ma jużax il-makkinarju iżda l-vittma saħaq li l-istruzzjonijiet li ngħata kienu bil-kontra.
Ħaddiema oħra wkoll qalu li kienu ressqu ilmenti dwar dan il-makkinarju.
Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li hija r-responsabbilità tal-kumpanija li tipprovdi ambjent ta’ sigurtà lill-ħaddiema u ordnat li jingħata l-kumpens.