Kumpens ta’ €12,000 lil familja ta’ eksħaddiem tat-Tarzna

Familja ta’ eksħaddiem tat-Tarzna li kien espost għall-asbestos għal żmien twil u li allegatament wassal għall-mewt tiegħu, se tingħata kumpens ta’ €12,000.  
Ir-raġel, Emmanuel Caruana, kien miet f’Settembru 2005 ta’ 71 sena.
Il-werrieta ta’ Caruana fetħu kawża fl-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Uffiċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern u l-Avukat Ġenerali.
Ir-raġel ħadem it-Tarzna bejn l-1959 u l-1982. Huwa marad fl-2004 fejn bata minn qtugħ ta’ nifs u għejja kbira.
L-Imħallef Mark Chetcuti sab li l-mewt ta’ Caruana kienet riżultat ta’ nuqqasijiet serji minn naħa tal-Istat. Fi kliemu dan minħabba li kien hawn għarfien dwar il-ħsara mill-asbestos sa mis-sittinijiet, u l-liġi damet ma ddaħħlet sad-disgħinijiet.
Barra minn hekk, l-Imħallef qal li l-Istat naqas milli jagħmel rakkomandazzjonijiet pubbliċi dwar is-saħħa u s-sigurtà jew jipprojbixxi l-użu tal-asbestos.
Il-kumpens lill-familja se jingħata mill-Uffiċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern u mill-Avukat Ġenerali.