Kumpens għal min jirritorna l-fliexken tal-plastik

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern se jkun qed jintroduċi skema li permezz tagħha persuna li tirritorna l-fliexken tax-xorb se tibda’ tingħata kumpens.
Huwa qal dan waqt id-diskors tiegħu fil-konferenza Our Ocean li saret f’Malta u li għaliha kien hemm preżenti, fost oħra, il-Prinċep ta’ Wales.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-inizjattivi li ħadet Malta biex jonqos l-iskart fil-baħar u saħaq li Malta, minkejja li hija l-iżgħar pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, trid tmexxi bl-eżempju.
Insista li Malta tinsab kommessa li sal-aħħar tal-2019, tiġbor lura 70% tal-fliexken tal-plastik iġġenerati f’Malta.
Kien hawn li semma l-iskema ta’ kumpens għal min jirritorna l-fliexken tax-xorb.
“Tista’ tkun kontroversjali, imma hija neċċessarja,” qal il-Prim Ministru.
Semma l-fatt, li tkellem dwaru wkoll il-Prinċep ta’ Wales, li l-plastik iġġenerat mill-1940 ‘il qudiem, għadu parti mill-iskart tal-lum il-ġurnata, inkluż dak mitfugħ fil-baħar.
Dr Muscat qal li wieħed għandu jżid il-kuxjenza li l-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum jistgħu jkollhom impatt negattiv dirett fuq l-ambjent ta’ madwarna iżda kompla li huma l-istess azzjonjiet żgħar li jistgħu ftit ftit itejbu s-sitwazzjoni.
Huwa saħaq ukoll li Malta tinsab kommessa li s-sena d-dieħla tiddikjara 30% tal-ilmijiet tagħha bħala Żoni Marittimi Protetti biex tassigura l-protezzjoni tal-għerien u s-sikek tagħha u li tiżviluppa pjan ta’ immaniġġjar għal dawk iż-żoni protetti.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll li Malta qed tistabbilixxi Ċentru għall-pajjiżi ż-żgħar tal-Commonwealth bil-għan li jgħin lill-gvernijiet biex jilħqu l-miri tal-Aġenda 2030 dwar l-Iżvilupp Sostennibbli.
Temm jikkwota mid-diskors li kien għamel Arvid Pardo lill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fl-1967 u li fi kliemu wassal lil Malta biex tkun pijuniera tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-Liġi tal-Baħar.
Insista li Malta se tibqa’ fuq quddiem biex tassigura li l-ibħra jkunu ppreservati biex minnhom igawdu l-ġenerazzjonijiet futuri.

Ritratt: Jeremy Wonnacott