Kumpaniji żgħar se jgawdu minn ftehim bejn l-Istati Uniti u l-UE

In-negozji żgħar u medji huma fost l-aktar li se jibbenefikaw mis-Sħubija Trans-Atlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (T-TIP).
Dan kien spjegat illum waqt konferenza fil- Kampus tal-Università fil-Belt Valletta organizzata mill-Ambaxxata Amerikana f’Malta u li għaliha attendiet id-Deputat Assistent Segretarja tal-Istat Amerikan, Julieta Noyes.
Bil-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea se titnaqqas il-burokrazija. B’hekk in-negozji jkollhom aktar ċans jidħlu fis-suq u jkollhom aktar aċċess għal fondi sabiex jgħinuhom fl-investiment.
Din is-Sħubija Trans-Atlantika se tiffoka iktar fuq il-kollaborazzjoni li diġà teżisti bejn l-Istat Amerika u l-Unjoni Ewropea u b’hekk tqarreb lejn xulxin il-politika tal-kummerċ li teżisti fiż-żewġ ekonomiji kbar.
Fost id-diversi suġġetti li tqajmu kien hemm ukoll l-istandards u l-prattiċi regolatorji. Noyes spjegat kif f’din is-sħubija Trans-Atlantika se jkun hemm ftehim dwar qbil fuq standards komuni bejn iż-żewġ ekonomiji kbar. L-investituri se jkollhom jilħqu diversi miri u standards li se jkunu aktar cari f'dan il-ftehim.
Issemmiet ukoll il-kwistjoni tat-trasperenza f'dawn it-taħdidiet, bir-rappreżentanta għall-gvern Amerikan tassigura li fl-aħħar tad-diskussjonijiet kulħadd se jkollu l-opportunità li jissottometti s-suġġerimenti permezz tar-rapprezentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew. Dan għaliex l-istituzzjonijiet Ewropej se jkollhom l-opportunità li jiflu mill-qrib dan il-ftehim vast bejn il-gvern Amerikan u l-Unjoni Ewropea qabel ma jiġi ffirmat.
Għal din l-attività attendiet ukoll l-Ambaxxatriċi Amerikana f’Malta Gina Abercrombie-Winstanley.