Kumpaniji żgħar jitħallew barra minn tenders tal-Gvern

Kumpaniji żgħar li jipprovdu l-pannelli fotovoltaiċi mhux se jitħallew jieħdu tenders maħruġa mill-Gvern.

Dan minħabba li l-Gvern għażel sitt kumpaniji li jistgħu japplikaw għall-iskema li se toħroġ il-Malta Enterprise, biex in-negozji jinstallaw il-pannelli fuq il-bjut tagħhom.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt hu mifhum li fi skemi simili li ħarġu fl-aħħar snin, kien hemm suq miftuħ u kull kumpanija fis-settur kienet tkun tista’ tapplika.

Newsbook.com.mt hu infurmat, li għal din l-iskema partikolari, il-Gvern talab lill-kumpaniji biex l-ewwel japplikaw mal-Malta Enterprise, fejn kellhom jissottomettu informazzjoni dwar kemm il-kumpanija għandha impjegati, il-profitt tas-sena 2012 kif ukoll dokumenti iffirmati mingħand il-manifatturi.

Sorsi qrib ta’ Newsbook.com.mt jgħidu li b’kollox applikaw 37 kumpanija, li minnhom intagħżlu biss 6. Il-lista ta' dawn il-kumpaniji tidher fuq is-sit elettroniku tal-Malta Enterprise, kif tidher hawn taħt.

Din l-aħbar kienet xokkanti għal dawk f’dan in-negozju, għax dan se jkun ifisser li se jiġu mċaħda milli jagħmlu proġetti kbar.

Intant, il-GRTU fi stqarrija qalet li tinsab allarmata dwar il-fatt li l-Gvern injora t-twissijiet tagħha u bidel ir-regolamenti marbuta mal-għoti tat-tenders mill-Gvern. L-unjin tinsab diżappuntata minħabba li dan se jillimita l-parteċipazzjoni ta' negozji żgħar u self-employed.

Il-GRTU qalet li fl-aħħar ġimagħtejn iddiskutiet din il-kwistjoni direttament mal-Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti Prinċipali, u ġiet assigurata li kien hemm interpretazzjonijiet żbaljati u li s-subcontracting  kien għadu permess. 

Madanakollu, l-unjin tgħid li fuq id-dokumenti dan jidher mod ieħor. 

Ħalli l-kumment tiegħek hawn.