“Kumpaniji tal-gaming jistgħu jitilqu minn Malta tort tal-PN” – Scicluna

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal fil-Parlament li l-kampanija ta’ tfiegħ tat-tajn orkestrata mill-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew wasslet lill-Gvern Svediż biex ineħħi lil Malta mil-lista li tippermetti kumpaniji bbażati f’Malta biex igawdu minn tassazzjoni għall-korporazzjonijiet barranin.
L-esklużżjoni mill-Controlled Foreign Corporation taxation White List, tista’ tħalli impatt negattiv fuq kumpaniji Svediżi li joperaw minn Malta.
Il-Ministru kien qed iwieġeb għall-mistoqsija supplementari tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech. It-tweġiba tal-Ministru ġabet reazzjoni qawwija min-naħa tal-Opożizzjoni u l-Ispeaker Anġlu Farrugia kellu jintervjeni kemm-il darba biex iwaqqaf l-istorjbu.
Madanakollu, il-Ministru rrimarka wkoll l-impatt kbir li kellu l-fatt li l-ikbar kumpaniji tal-e-gaming Svediżi telqu minn hemm u fetħu f’Malta.
Il-Ministru qal li qiegħed f’diskussjoni mal-Ministru tal-Finanzi Svediż Magdalena Andersson biex Malta tkun re-integrata f’din il-lista li tista’ tħalli impatt qawwi fuq l-industrija tal-e-gaming.