Kumpaniji tal-ajru low-cost jużaw ”ammont ristrett” ta’ fjuwil

Kumpaniji tal-ajru low-cost jista’ jkun li qed ipoġġu l-ħajja tal-passiġġieri tagħhom f’riskju. Dan hekk kif ġie żvelat li dawn il-linji tal-ajru, bħal Ryan Air, qed jużaw ammont ristrett ta’ fjuwil. Dan ħareġ minn rapport li għamlu l-awtoritajiet Spanjoli fejn sabu li l-kompetizzjoni qed iġġiegħel lil dawn il-kumpaniji jagħmlu li jistgħu biex jonfqu inqas flus fuq fjuwil.

Minkejja li l-ammont ta’ fjuwil huwa konformi mal-liġi, jista’ jkun li tinqala problema jekk aktar minn ajruplan wieħed ikollu bżonn jagħmel inżul minħabba nuqqas ta’ fjuwil.

F’nota partikolari, il-Kaptan tal-bażi tar-Ryan Air kiteb li jekk kull ajruplan iġorr it-300 kilogramma ta’ fjuwil extra li hemm bżonn, kull ajruplan jaħli mas-7 kilogrammi ta’ fjuwil għalxejn. Dan ikun ifisser li f’ġurnata, il-kumpanija tkun ħliet aktar minn 19,000 kilogramma fjuwil. B’hekk, billi taħdem fuq l-inqas fjuwil possibli, il-kumpanija tiffrnaka mal-5 miljun dollaru kull sena.