Kumpaniji minn Dubaj jistgħu jużaw lil Malta biex jinvestu fl-Afrika u l-Ewropa

Kumpaniji minn Dubaj jinsabu interessati li jinvestu f’Malta biex ikunu f’pożizzjoni li jesportaw prodotti lejn il-Libja u pajjiżi oħra fl-Afrika ta’ Fuq.
Sorsi qrib Kastilja li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ċ-Chairman tal-Kamra tal-Kummerċ f’Dubaj huwa tal-fehma li Malta hija l-aħjar soluzzjoni biex isir l-investiment u b’hekk kumpaniji minn Dubaj ikollhom pont lejn l-Ewropa u l-Afrika.
Jirriżulta li din il-possibilità tista’ tgħin biex kumpaniji Maltin jinvestu flimkien ma’ kumpaniji minn Dubaj fl-Emirati Għarab Magħquda.
Is-sorsi qalu kumpaniji kbar mill-Emirati ilhom interessati li jkunu f’pożizzjoni li jinvestu fil-Libja iżda minħabba l-kriżi nterna f’dan il-pajjiż ma’ kienx possibbli.
Rapporti internazzjonali kienu qed jindividwaw lill-Grupp Emke, il-kumpanija tat-telefonija Etisalat u is-supermarkets Lulu fost il-kumpaniji interessati fis-suq tal-Afrika ta’ Fuq u n-nofsinhar tal-Ewropa.
Biex tissaħħaħ din il-possibilità ta’ investiment minn kumpaniji minn Dubaj f’Malta saru diskussjonijiet bejn delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona u membri mill-Kamra tal-Kummerċ f’Dubaj.
Id-delegazzjoni Maltija kienet preżenti għall-Africa Global Business Forum, li sar fil-jiem li għaddew f’Dubaj.
Fost is-setturi li fuqhom saret diskussjoni għall-investiment fl-Afrika kien hemm l-avjazzjoni, l-infrastruttura, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni.