Kumpaniji Maltin jakkwistaw faċilitajiet għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali

Read in English.

Il-kumpaniji Maltin MPXI Malta u Bortex Group għadhom kemm temmew l-akkwista ta’ distributur tal-kannabis li se jwassalhom sabiex ikunu jistgħu jipproduċu, jippakkjaw u jqassmu prodotti tal-kannabis mediċinali.

Iż-żewġ kumpaniji akkwistaw l-aħħar ishma ta’ Alphafarma mingħand Alpha Farma Limited, kif ukoll il-kiri ta’ faċilità fl-Imrieħel attrezzata għal dawn il-prodotti. L-akkwist jinkludi wkoll ċertifikazzjoni għall-manifattura b’valur ta’ €1.5 miljuni.

Flimkien ma’ dan l-akkwist, ħarġu miljun ishma tal-MPXI, flimkien ma’ 300,000 warrants għal bejgħ ta’ ishma komuni. Bħalissa dawn huma valutati għal $0.63 għal kull ishma għal perjodu ta’ ħames snin.

Il-Malta Enterprise ħarġet ukoll ittra ta’ intenzjoni għal MPXI Malta li se tippermetti li l-kumpanija timporta, tipproduċi, tbigħ u tqassam numru ta’ derivattivi ta’ prodotti tal-kannabis mediċinali f’Malta u fl-Unjoni Ewropea. Il-kumpanija mbagħad se tkun tista’ tasal għal-liċenzja finali Maltija biex tkompli l-operat tagħha. Id-dokument imbagħad joħroġ mill-Awtorità Maltija tal-Mediċini.

MPXI mistennija tinvesti €3 miljuni fil-faċilità u l-immanifatturar u l-magni tal-ippakkjar.