Kumpaniji ma jifilħux iħallsu l-€400 mat-€800 li joħroġ il-Gvern – l-MHRA lil Delia

L-Assoċjazzjoni tal-lukandi u r-risoranti f’Malta sostniet li l-kumpaniji ma jistgħux jibqgħu jħallsu €400 kull xahar biex joħorġu l-paga mat-€800 li qed jagħti l-Gvern.

Huma qalu dan f’laqgħa li kellhom mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fejn spjegaw kif l-imxija tal-COVID-19 qed tolqot lis-settur turistiku f’Malta. Id-delegazzjoni tal-MHRA kienet immexxija mill-President Tony Zahra li qal li s-sitwazzjoni ma tistax iddum għal żmien twil.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Adrian Delia qal li matul dawn l-aħħar ġimgħat iltaqa’ ma’ diversi gruppi fl-industrija tal-ospitalità li wħud minnhom kienu qed jagħmlu investiment qabel il-pandemija jew kienu qed jippjanaw li jagħmluh, liema investiment li kellu jieqaf ħesrem.

Huma wissew li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi u tibqa’ tmur għall-agħar minn ġurnata għall-oħra jkun ifisser li jkun hawn żieda fin-numru tal-qgħad, għax l-ekonomija ma tiflaħx tibqa’ magħluqa għat-tul speċjalment f’pajjiż bħal Malta li jiddependi fuq it-turiżmu.

Il-Kap tal-PN qal li l-enfasi fuq it-turiżmu qed issir ukoll f’livell Ewropew u f’summits li qed ikollu mal-mexxejja fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew (PPE). Fisser li huwa ċar li ħafna pajjiżi qed iħossu din id-daqqa u qed jippruvaw jerġgħu joħolqu pjan sabiex iqajmu l-ekonomija, filwaqt li pajjiżi bdew diskussjonijiet biex jiftħu ż-żona Shengen. Adrian Delia qal li hemm ukoll il-parti l-oħra tal-munita, fejn fis-settur tas-saħħa hemm tħassib marbut mal-inċertezza dwar x’se jiġri fil-ġranet u xhur li ġejjin, għaliex għad m’hawnx vaċċin għall-Coronavirus.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia matul din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo u l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-industrija tal-catering, divertiment u l-protezzjoni tal-konsumatur Hermann Schiavone.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn