Kumpaniji jaqtgħu n-negozju mal-NRA; tikber il-kampanja #BoycottNRA

Kumpaniji kbar iddeċidew li jaqtgħu l-kuntatti finanzjarji mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali għall-Armi fl-Istati Uniti (NRA), hekk kif il-pressjoni kibret tant li ħafna nies mhux qed jixtru s-servizzi ta’ kumpaniji assoċjati mal-assoċjazzjoni.
Kollox idur mal-massakru fi Florida tal-ġimgħa l-oħra, meta żagħżugħ ta’ 19-il sena qabad jispara bl-addoċċ fi skola u qatel 17-il persuna bejn għalliema u studenti.
Il-kampanja #BoycottNRA jidher li qabdet sewwa, u waħda mill-ewwel kumpaniji li waqfet in-negozju mal-NRA kienet il-Hertz, kumpanija ta’ kiri tal-karozzi li kienet toffri skontijiet lil membri tal-NRA.
Qed jiġi rrappurtat li hemm aktar minn nofs tużżana kumpaniji li segwew dal-pass, fosthom Enterprise, Best Western, Wyndham Hotels, u Insurer Chubb, kumpanija li kienet toffri s-servizzi ta’ insurance lil persuni li jkunu qatlu persuna oħra bl-arma tagħhom biex jiddefendu lilhom infushom.
Sadanittant, il-President ta’ Everytown, grupp ta’ pressjoni, John Feinblatt, qal li l-NRA ilha għal snin sħaħ tmexxi l-karru biex kulħadd ikun jista’ jixtri l-armi għall-użu personali, kullimkien u l-ħin kollu, bla ebda mistoqsijiet. Saħaq li l-NRA qed tagħmel profitt minn fuq dawk in-nies li għandhom arma u jibżgħu li jkunu akkużati bi qtil.
Ir-reazzjoni tal-NRA ġiet mill-Mexxej tagħha, Wayne LaPierre, li jidhirlu li dawn in-nies qed jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-inċident tal-ġimgħa l-oħra.
Aktar kmieni dil-ġimgħa, mijiet ta’ żagħżagħ intefgħu għal tulhom quddiem il-White House daqslikieku mejtin, b’idejhom imsallbin fuq sidirhom.
Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, jemmen li biex tiżdied is-sigurtà fl-iskejjel, l-għalliema jridu jkunu armati wkoll.