​Kumpaniji “jaddottaw familja” biex jgħinu lil tfal fil-bżonn

Intrapriżi Maltin jistgħu “jaddottaw familja” permezz ta’ inizjattiva nobbli li bdiet miċ-Chairman ta’ Ozo Group Mario Muscat.
Fil-preżenża tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, tnediet din l-inizjattiva li tgħin lill-familji l-aktar fil-bżonn, partikolarment fejn jidħlu l-ħtiġijiet edukattivi ta’ uliedhom.
Il-President ta’ Malta qalet li b’hekk individwi jew kumpaniji huma mistiedna jagħmlu donazzjonijiet lil The President’s Trust. Qalet li hija ta’ prijorità għaliha li tingħata għajnuna lil tfal li għaddejjin minn sfidi fil-ħajja.
Iċ-Chairman ta’ Ozo Group Mario Muscat spjega li din l-inizjattiva nibtet wara li waħda mill-kumpaniji tiegħu baqgħet tgħin lil impjegata tagħha meta kellha marda terminali, fejn baqgħet xorta waħda tirċievi s-salarju sħiħ tagħha minkejja li ma kinitx tidħol għax-xogħol.
Mario Muscat semma kif il-kumpanija li jmexxi se tkun qed tagħti donazzjoni ta’ tnax-il elf ewro maqsuma fuq tnax-il xahar u appella biex aktar individwi u kumpaniji jsegwu dan l-eżempju.
Ritratt: DOI – Charles Zammit