Kumpaniji enormi Amerikani jaħbu biljuni ta’ ewro f’tax havens – Oxfam

Rapport tal-organizzazzjoni Oxfam jiżvela li bejn l-ikbar 50 negozju Amerikan hemm kważi triljun dollaru u nofs, jew €1,200 biljun, li qed jinżammu moħbija f’tax havens.
Ir-rivelazzjoni ġiet ftit biss wara t-tixrid ta’ informazzjoni dwar negozjanti u kumpaniji offshore fil-Panama.
Skont Oxfam, ġganti Amerikani bħal Apple, Walmart u General Electric għandhom iktar minn €100 biljun kull wieħed moħbija barra l-Istati Uniti li fuqhom mhuma jħallsu ebda taxxa.
Dan ifisser daqs l-ekonomija tar-Russja, il-Korea t’Isfel u ta’ Spanja flimkien.
Oxfam qalet li r-rapport jikxef sistema globalizzata ta’ abbuż marbut mal-ħlas tat-taxxi meta kumpaniji enormi bħal dawk imsemmija qed jirċievu fondi pubbliċi mill-Gvern ta’ pajjiżhom.
Skont Oxfam, dan kollu qed jiswa lill-ekonomija Amerikana iktar minn €100 biljun fis-sena u qed inixxef, b’daqstant ieħor, l-investiment li l-Istati Uniti tista’ tagħmel f’pajjiżi foqra.