Kumpaniji Ċiniżi tal-enerġija jistgħu jitqabbdu jħaffru għaż-żejt f’Malta

Sorsi qrib Kastilja li tkellmu ma' Newsbook.com.mt sostnew li wara l-liġi li temenda l-operat tal-Korporazzjoni Enemalta ġiet approvata mill-Parlament, jista’ jkun hemm il-possibilità li l-Gvern Ċiniż jgħin lil dak Malti fit-tħaffir għaż-żejt fil-baħar kontinentali bejn Malta u l-Libja.
Kumpaniji Ċiniżi tal-enerġija huma ferm attivi f’pajjiżi oħra Ewropej fil-Mediterran.
Fix-xhur li għaddew, Ċipru u l-Greċja laħqu ftehim mal-Gvern Ċiniżi biex isir investiment fl-infrastruttura fosthom l-ajruporti, l-ferroviji u l-portijiet, speċjalment dawk fi Kreta.
Fil-ġimgħat li għaddew spiċċat fix-xejn it-tama li jinstab iż-żejt fiż-żona numru 4 bejn Malta u l-Libja wara li twaqqaf it-tħaffir fil-bir Ħaġar Qim.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li ġie determinat li m’hemmx indikazzjonijiet li jista’ jinstab iż-żejt. Il-ħidma biex jitħaffer il-bir taż-żejt kienet bdiet f’Mejju li għadda daqs 120 kilometru ‘l barra mill-kosta ta’ Malta.
Jirriżulta li r-rig li ntuża għall-bir Ħaġar Qim issa se jibda tfittxija oħra għaż-żejt bejn Malta u l-Marokk.