Kumpanija tingħata l-liċenzja għall-esplorazzjoni fit-tiftix għaż-żejt qrib Malta

Credit: Continental Shelf Department

Edison International ingħatat liċenzja sabiex tkun tista’ tesplora l-possibiltà li jsir tiftix għaż-żejt mill-Gvern Malti f’żoni fit-Tramuntana tal-Gżejjer Maltin.

Iż-żoni b’kollox jagħmlu madwar 6,400 kilometru kwadru. Minkejja li din l-aħbar ħarġet b’mod pubbliku llum, il-liċenzja ingħatat f’Ġunju.

Il-ftehim tal-esplorazzjoni huwa validu għal sena, bil-possibilità li jiġi mġedded għal sentejn oħra. L-obbligazzjonijiet tax-xogħol għall-ewwel sena prinċiparjament jikkonsistu fi studji ġeoloġiċi u ġeofiżiċi dwar studji eżistenti.

Edison International tappartjeni lil Edison Exploration & Production li għandha portafoll ta’ 90 liċenzja f’10 pajjiżi differenti fil-baħar Mediterran u t-Tramuntana tal-Ewropa. Il-kumpanija tipproduċi madwar 40,000 barmil żejt kuljum.

F’Novembru li għadda, il-Prim Ministru kien qal li hemm kumpaniji interessati fit-tiftix taż-żejt imma kien qal ukoll li ma kienx jagħmel sens kummerċjali li jagħti aktar informazzjoni dwar il-kumpaniji qabel ma jasal għal ftehim.