Kumpanija timpjega n-nies skont jekk jaħslux il-kikkra tal-kafè

Il-kumpanija Xero Australia għandha test sempliċi biex tara timpjegax persuna magħha. Trent Innes, sid il-kumpanija mdaħħla fl-accounting software, qal li persuna jista’ jkun li jkollha kull attribwit biex taħdem magħhom. Imma anki jekk tkun ideali, jekk tfalli test sempliċi ma jimpjegawhiex.

Huwa qal li wara li jilqa’ l-applikant fl-uffiċċju tiegħu joħodha fil-kċina tal-kumpanija u joffrilha kafè. Imbagħad joħodha lura fl-uffiċċju tiegħu bil-kafè b’kollox. Wara li tintemm l-intervista jara jekk il-persuna intervistata tiħux il-kikkra tal-kafè vojta fil-kċina biex taħsilha. Jekk ma tagħmilx hekk ma tiġix impjegata.

Trent Innes qal li min imur fil-kċina tal-kumpanija jara ndafa kbira u kollox ikun f’postu. “Kif għandu jkun,” qal. “Dik għandha tkun l-attitudni tal-impjegati tagħna.”